Il-Kunsill Lokali tas-Swieqi jagħti aktar minn €1,000 lid-Dar tal-Providenza

Aktar minn €1,000 inġabru b’risq id-Dar tal-Providenza waqt is-Swieqi Fest, attività sportiva organizzata mill-Kunsill Lokali Swieqi. L-attività, li bdiet u ntemmet ħdejn il-knisja Tal-Ibraġ, kienet ġirja u mixja ta’ 5 kilometri kif ukoll fun run għat-tfal ta’ ftit aktar minnkilometru.

Fi tmien din l-attività s-Sindku tal-Lokal, is-Sur Noel Muscat qal li dik kienet id-disa’ edizzjoni tas-Swieqi Fest li għal darba oħra kienet suċċess. Din is-sena l-parteċipanti ntalbu jagħmlu donazzjoni b’risq id-Dar tal-Providenza. Huwa żied jgħid li għall-lokalità tas-Swieqi dan hu avveniment importanti ħafna għax iġib flimkien nies minn kull rokna ta’ Malta biex flimkien mar-residenti jieħdu sehem f’attività sportiva u filantropika. Is-Sur Muscat saħaq li l-isport hu importanti ħafna għas-saħħa tal-bniedem kif ukoll jista’ jkun mezz ta’ għaqda u solidarjetà. Huwa rringrazzja lill-partecipanti kollha, lill-voluntiera, lill-Kappillan tas-Swieqi Fr Tony Agius u lil dawk kollha li għenu biex din l-attività tkun suċċess. Il-parteċipazzjoni kbira ta’ din is-sena tawgura tajjeb għall-ġejjieni.

Preżenti għal din l-attività kien hemm Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, li rringrazzja lill-Kunsill Lokali u lil dawk kollha li ħadu sehem.