In-Northwest Girlchoir b’kunċert fis-Santwarju tal-Ħniena Divina b’risq id-Dar tal-Providenza
In-Northwest Girlchoir mill-Istati Uniti (ritratt mehmuż) se jagħti kunċert fis-Santwarju tal-Ħniena Divina fin-Naxxar nhar il-Hamis, 25 ta’ Ġunju fis-7.30pm. Id-dħul huwa b’xejn imma jintlaqgħu donazzjonijiet b’risq id-Dar tal-Providenza.
In-Northwest Girlchoir, li ilu mwaqqaf għal dawn l-aħħar 42 sena, huwa organizzazzjoni ndipendenti għat-tagħlim tal-mużika għal tfal bniet u adolexxenti nisa. B’kollox għandu 250 membru bejn is-sitta u tmintax-il sena mill-inħawi ta’ Seattle u Washington fl-Istati Uniti. ‘Amore’, il-kor li se jkun Malta dan ix-xahar, huwa wieħed minn sitt korijiet ta’ livelli differenti magħmul minn tfajliet ta’ bejn il-ħmistax u t-tmintax-il sena.
Mis-sena 2001 ‘l hawn, in-Northwest Girlchoir żar Franza, l-Ingilterra, il-Finlandja, l-Estonja, l-Awstralja, il-Kroazja, Slovenja, l-Italja u Sqallija.
Iż-żjara tan-Northwest Girlchoir f’Malta saret possibli bl-għajnuna ta’ Alpine Sterling.