Għotja ta’ €5,000 mill-Maleth Sinfonia Keyboard Orchestra lid-Dar tal-Providenza

Mro. Chev. Mark Agius, Direttur tal-Maleth Sinfonia Keyboard Orchestra ippreżenta ċekk ta’ €5,000 lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza. L-għotja tirrappreżenta nofs id-dħul mill-kunċert ‘An Evening of Magical Music from the Animated Classics’ li sar f’Marzu li għadda fiċ-Centru tal-Mediterranean għall-Konferenzi. €5,000 oħra ġew ippreżentati lil Ms Connie Richards, Kap tal-Helen Keller Resource Centre.

F’diskors li għamel waqt il-preżentazzjoni li saret fil-Helen Keller Resource Centre fil-Qrendi, Mro. Chev. Mark Agius irringrazzja lil dawk li taw l-appoġġ tagħhom għal dan il-kunċert li kien suċċess b’sala kważi mimlija. Huwa qal li dawn l-għotjiet kienu se jmorru għall-bini ta’ ġnien multi-sensorjali fiż-żewġ istituzzjonijiet.
Fr Martin Micallef u Ms Connie Richards irringrazzjaw lil Maleth Sinfonia Keyboard Orchestra għall-għotja ġeneruża u ferħulhom għas-suċċess li kisbu.

Il-Maleth Sinfonia hija l-ewwel u l-unika Keyboard Orchestra f’Malta. L-Orkestra hija magħmula minn erbatax–il keyboard u ħames membri li daqqew l-istrumenti tal-perkussjoni. Fil-kunċert ħadu sehem il-mistiedna speċjali Gianluca Bezzina u l-Aħwa, Ian J. Vella u Ludwig Galea flimkien mal-Marie Therese Vassallo Voice Studio Choir, Stagecoach Theatre Acts School u l-Paul Curmi Dance Studio.