Is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva jilqa’ bil-ferħ l-aħbar li se jingħata bidu għall-proċess tal-Beatifikazzjoni u l-Kanonizazzjoni ta’ Dun Mikiel

Sqarrija għall-istampa mis-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva

Is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar sabiħa tal-Arċisqof Scicluna li se tibda l-kawża għall-beatifikazzjoni tal-qatt minsi, il-Monsinjur Mikiel Azzopardi. F’isem il-Gvern Malti nilqgħu b’ferħ kbir dan il-pass li jkompli jirrikonoxxi l-ħajja ġeneruża tal-Monsinjur li jibqa’ meqjus għal ġenerazzjonijiet sħaħ bħala l-ħabib ta’ kulħadd.

 

Is-segretarjat saħaq li l-opra li wettaq matul ħajtu, id-Dar tal-Providenza, tibqa’ monument ħaj lill-memorja tiegħu, kif ukoll lill-karattru ġeneruż tal-poplu Malti, u lil dawk li jagħtu sehemhom fil-ħajja tal-persuni b’diżabilità.

Huwa daħħal kunċett ta’ valur uniku għar-rispett sħiħ u d-dinjità għal dawn il-persuni f’mument meta l-mentalità Maltija u Għawdxija ma kinitx konxja biżżejjed minn din ir-realtà u wisq inqas lesta taċċetta li dawn il-persuni jistħoqqilhom dinjità sħiħa indaqs. L-aħbar tal-Arċisqof Scicluna tfisser ukoll apprezzament lil dawk kollha li mas-snin kienu ispirati mill-eżempju ta’ Monsinjur Azzopardi.

M Kien fit-12 ta’ Settembru 1965, ħamsin sena ilu, meta Dun Mikiel ħabbar li xtaq jiftaħ din ir-residenza għal dawk li minħabba d-diżabilità tagħhom ma setgħux jibqgħu fi ħdan il-familja naturali tagħhom. Dik ix-xewqa ħerqana tiegħu mas-snin kibret għal erba’ residenzi biex setgħet toffri aktar wisgħa, attenzjoni u ħarsien professjonali.

Bħala Gvern aħna determinati li niċċelebraw bil-fatti dak li emmen fih u beda jwettaq Monsinjur Azzopardi. Huwa jibqa’ ispirazzjoni kontinwa fil-ħidma kollha tagħna. Il-ħolma tiegħu kienet li mhux biss dawn il-persuni jkollhom ħajja aħjar, imma wkoll jikkontribwixxu fil-ħajja tal-pajjiż. Dan huwa eżatt dak li qegħdin inwettqu bħala Gvern, mhux biss bi ftehim apposta ma’ entitajiet edukattivi u soċjali u proġetti madwar Malta u Għawdex, imma wkoll b’infurzar sħiħ tal-liġijiet kollha li mas-snin tfasslu favur l-ugwaljanza fost iċ-ċittadini kollha.

Il-bidu tal-proċess ta’ beatifikazzjoni ta’ Monsinjur Mikiel Azzopardi jkompli jixprunana sabiex naħdmu b’determinazzjoni f’dan il-qasam. Is-Segretarjat jawgura li l-proċess li se jibda, jimxi ‘l quddiem biex mill-iktar fis niċċelebraw aktar il-ħajja eżemplari ta’ Monsinjur Mikiel Azzopardi.