Chev. Martin Micallef

Inawgurat Misraħ San Giovanni XXIII fid-Dar tal-Providenza

Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna inawgura u bierek lapida kommemorattiva tal-Misraħ San Giovanni XXIII quddiem il-kappella tad-Dar tal-Providenza. Il-jum tat-13 ta’ Mejju huwa sinomimu mad-Dar. Kien it-13 ta’ Mejju 1969 meta l-Arċisqof Mikiel Gonzi poġġa u bierek l-ewwel ġebla tat-tieni villa li semmiegħa għall-Papa Ġwanni XXIII. Kien ukoll it-13 ta’ Mejju tal-1987 meta l-Mulej sejjaħ fis-sema miegħu lil Dun Mikiel fl-età ta’ 77 sena.

Id-Dar tal-Providenza issa għandha misraħ li ġie inawgurat uffiċċjalment fit-13 ta’ Mejju 2015. Misraħ li l-ispazju ċentrali tiegħu jintuża s-sena kollha mir-residenti u l-volontiera għal diversi attivitajiet. Id-disinn jikkonsisti fl-installazzjoni ta’ 120 pilastru tal-metall li bil-proporzjon u l-arranġament tagħhom joħolqu ritmu li jwassal lil dak li jkun fi ħdan il-kappella. Din l-istruttura hija espressjoni mqanqla ta’ arkittetura kontemporanja ispirata mir-rakkont fil-Ktieb tal-Eżodu dwar is-siġra li taqbad mingħajr ma tikkonsma li kien tant għal qalb Dun Mikiel, il-fundatur tad-Dar tal-Providenza.

Saru diskorsi tal-okkażjoni minn Fr Martin Micallef, Fr Stefan Attard, lecturer ta’ l-Iskrittura fl-Università ta’ Malta, il-perit Audrey Galea ta’ Galea&Galea Architects li kienu l-moħħ wara d-disinn tal-proġett, ir-resident Brian Micallef, is-Sur Oliver Scicluna, Chairperson tal-KNPD u minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna li mbagħad kixef il-lapida kommemorattiva.

14 ta’ Mejju 2015