“Fid-Dar tal-Providenza, it-trasfigurazzjoni sseħħ kuljum.” L-Arċisqof elett Mons Charles J. Scicluna
Fid-Dar tal-Providenza, li hija post għażiż għall-Knisja u għas-soċjetà Maltija, naraw it-trasfigurazzjoni sseħħ kuljum. Dan qalu fl-omelija tiegħu Mons. Charles J. Scicluna waqt li kien qiegħed jikkonċelebra fil-kappella tad-Dar tal-Providenza fejn għamel l-ewwel vista pastorali tiegħu bħala l-Arċisqof il-ġdid ta’ Malta. Huwa żied jgħid li f’din is-sena tal-Ġublew tad-Deheb tad-Dar li bdiet bl-ispirazzjoni ta’ Dun Mikiel Azzopardi, wieħed jista’ jħares lejn id-diżabilità bħala xi ħaġa li tinkwetak, imma bil-ġenerożità kbira tal-Maltin u l-Għawdxin id-diżabilità m’għadhiex tinħeba imma bl-imħabba u bid-dedikazzjoni id-diżabilità inbidlet, ġiet trasfigurata. Huwa temm jgħid li jalla li kull min jidħol f’din id-dar tal-wens u tal-kenn għalkemm jara t-tbatija tal-Golgota ma jinsa qatt il-glorja tat-Tabor.
F’diskors li għamel, Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza ta merħba lill-Arċisqof-elett fid-Dar li Mons Azzopardi kien isejjħilha ‘oasi ta’ karità nisranija’ u li hu jħobb jirreferi għaliha bħala ‘l-wiċċ uman tal-Knisja Maltija’. Fr Martin qal li ħa gost ħafna jisma’ lill-Mons. Scicluna jgħid f’dawn il-ġranet li xtaq li jkun ragħaj li jisma’. Huwa talbu bil-ħerqa biex jisma’ wkoll xi jridu jgħidu l-persuni b’diżabilità u fakkru fis-slogan sabiħ li għandhom “xejn dwarna mingħajrna”. “Ippermettili nissuġġerilek”, kompla jgħid Fr Martin, “li ssib ħin u tiltaqa’ mal-persuni b’diżabilità, mal-ġenituri tagħhom, mal-assoċċjazzjonijiet tagħhom biex tista’ tagħraf kif il-Knisja f’Malta tista’ twieġeb aktar għad-diffikultajiet, l-aspettattivi u l-aspirazzjonijiet tagħhom.” Huwa temm jgħid li r-rigal tad-Dar tal-Providenza huwa t-talb ta’ kuljum biex Mons Arċisqof Charles Scicluna ikun tassew ir-ragħaj it-tajjeb tal-poplu afdat f’idejh.
L-Arċisqof-elett wara sab ħin jiltaqa’ mar-residenti, amministrazzjoni, ħaddiema u volontiera tad-Dar tal-Providernza.