Il-President Emeritus Dr Eddie Fenech Adami jippreżenta €45,000 lid-Dar tal-Providenza
Il-President Emeritus, Dr Eddie Fenech Adami ppreżenta ċekk ta’ €45,000 lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza. L-ammont huwa l-qliegħ kollu mill-pubblikazzjoni awtobiografika “EDDIE – My Journey” li ħarġet għall-bejgh fi Frar tas-sena l-oħra.
Aktar kmieni Dr Fenech Adami, flimkien mal-membri tal-familja tiegħu, attenda għall-quddiesa ta’ ringrazzjament fil-kappella tad-Dar tal-Providenza propju fil-ġurnata t’għeluq il-81 sena tiegħu fis-7 ta’ Frar.
Dr Fenech Adami irringrazzja lil Steve Mallia, editor-in-chief tat-Times of Malta, li għen fil-kitba ta’ din l-awtobijografija li hija rrakkontata fl-ewwel persuna u li bis-saħħa t’hekk setgħet tinġabar din is-somma sabiħa b’risq id-Dar tal-Providenza. Minn naħa tiegħu Fr Martin faħħar din l-inizjattiva ta’ din il-pubblikazzjoni li hija turija tal-imħabba li Dr Fenech Adami dejjem kellu lejn id-Dar fejn hu viżitatur u sostenitur regolari. Kien hu li eżatt wara li ħa l-ħatra ta’ Prim Ministru fl-1987, l-ewwel att uffiċċjali li għamel kien li jiffirma d-digriet li bih Dun Mikiel setgħa jindifen fid-Dar kif dejjem xtaq. Steve Mallia qal li mill-bejgħ tal-ktieb inġabru b’kollox €50,000 u minbarra d-Dar tal-Providenza li ngħatat €45,000 il-Joseph Calleja Foundation ingħatat €5,000.
Meta tnidiet il-pubblikazzjoni, Dr Fenech Adami kien ħabbar li l-qliegħ kollu mill-bejgħ tal-awtobijografija tiegħu kien se jmur għad- Dar tal-Providenza. “EDDIE – My Journey” huwa mitbugħ mill-Allied Publications.