€2,343 miġbura mill-għawma b’risq Id-Dar tal-Providenza
Madwar ħamsin persuna dalgħodu ma ddejqux jaqbżu l-baħar fil-bajja ta’ l-Għadira biex ġabru €2,343 b’risq Id-Dar tal-Providenza. L-għawma kienet inizjattiva ta’ Manuel Calleja ta’ KopTaco bl-appoġġ tal-Malta Rugby Football Union u ta’ għadd ta’ dilettanti tal-Boxing, Kickboxing, Thai Boxing, Karate u Martial Arts oħra. Biex jagħti l-apoġġ bil-preżenza tiegħu kien hemm is-Sur Chris Agius, is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport.
It-temp lagħab parti kbira f’din l-għawma li kellha tiġi posposta mit-30 ta’ Diċembru meta l-baħar fil-Marfa ried jibla’ l-art u din id-darba l-organizzaturi kellhom jabbandunaw l-ideja tal-Marfa u għażlu li jagħmlu l-għawma fil-kenn tal-bajja tal-Mellieħa. Membri tal-Emergency Fire & Rescue Unit (E.F.R.U) kienu hemm f’każ li jkunu meħtieġa.