L-indirizz tal-Papa Franġisku lill-parteċipanti ta’ konferenza dwar il-Persuni bl-Awtiżmu.

Belt tal-Vatikan, l-24 ta’ Novembru 2014

L-indirizz tal-Papa Franġisku lill-parteċipanti tad-29 Konferenza Internazzjonali organizzata mill-Kunsill Pontifikju għall-Ħaddiema fil-Kura tas-Saħħa bl-isem: Il-Persuna bl-Awtiżmu: Nibnu t-tama.

Għeżież ħuti,
Grazzi tal-merħba li tajtuni!

Ninsab kuntent li qed nilqgħakom fi tmiem id-29 Konferenza Internazzjonali tagħkom organizzata mill-Kunsill Pontifikju għall-Ħaddiema fil-Kura tas-Saħħa. Nirringrazzjakom li xtaqtu tirrealizzaw din l-inizzjattiva tant relevanti u ta’ min ifaħħarha li titratta l-kundizzjoni kumplessa tal-awtiżmu.

Insellem mill-qalb lilkom ilkoll li ġejtu biex tieħdu sehem f’din il-laqgħa li qed tiffoka fuq it-talb u t-testimonjanza flimkien ma’ persuni milquta bil-kundizzjoni tal-awtiżmu, familji tagħhom u assoċjazzjonijiet.

Dawn il-kundizzjonijiet jikkostitwixxu fraġilità li taffettwa numru kbir ta’ tfal u konsegwentament lill-familji tagħhom. Huma jirrappreżentaw qasam li jappella għar-responsabilità diretta tal-gvernijiet u l-istituzjonijiet mingħajr ma ninsew ir-responsabilità tal-komunitajiet insara.

Kulħadd għandu jkun komess li jippromovi l-aċċettazzjoni, l-inklużjoni u s-solidarjetà permezz ta’ sapport konkret u billi nqawwu tama ġdida. B’dan il-mod, inkunu qed ngħinu biex inkissru l-iżolament u ħafna drabi l-preġudiżżji li jtaqqlu lin-nies bl-awtiżmu u daqstant ieħor lill-familji tagħhom.
Dan m’għandux ikun akkompanjament anonimu jew impersonali, iżda wieħed li jisma’ l-bżonnijiet profondi li ġejjin mill-qiegħ ta’ kundizzjoni li ħafna drabi tiġġieled biex tkun identifikata u aċċettata mingħajr mistħija jew titfa f’solitudni speċjalment lill-familji. Hi salib.

L-għajnuna lil persuni bil-kundizzjoni tal-awtiżmu tista’ tiġi mgħejjuna ħafna permezz ta’ ħolqien ta’ xibka ta’ sapport u servizzi li jistgħu jintlaħqu minn kulħadd u li għandhom l-għan li jwieġbu għal bżonnijiet u jkissru l-iżolament ta’ dawn il-persuni u l-familjari tagħhom. Dawn għandhom jikkumplimentaw l-appoġġ tal-ġenituri, nanniet, terapisti, edukaturi u operaturi pastorali. Dan jista’ jgħin lill-familji biex jirbħu dak li kultant jistgħu jħossu minħabba sens ta’ frustrazzjoni, inkapaċità u li ma hemm xejn x’tagħmel.

Din hi r-responsabbilita tal-gvernijiet u l-istituzjonjiet, iżda wkoll ta’ komunitajiet insara, parroċċi u familji. Dan għandu jgħin ħafna lill-familji biex jirbħu d-diffikultajiet li jesperjenzaw ta’ kuljum.

Għal din ir-raġuni, nixtieq nirringrazzja lill-familji, gruppi parrokkjali u diversi assoċjazzjonijiet hawn preżenti li minn għandhom smajna testimonjanzi kommoventi u qawwija tal-ħidma li jwettqu kuljum. Inwasslilkom l-apprezzament personali tiegħi u tal-Knisja kollha.
Nixtieq ninkoraggixxi wkoll il-ħidma kbira tal-akkademiċi u r-riċerkaturi biex niskopru terapiji, sapport u għodod biex jgħinu u jfejqu u fuq kollox jipprevenu din il-kundizzjoni kemm jista’ jkun malajr filwaqt li nħarsu d-drittijiet tal-pazjenti, il-bżonnijiet u l-potenzjal tagħhom u jissalvagwardjaw dejjem id-dinjità ta’ kull persuna.

Għeżież ħuti, nafdakom ilkoll f’idejn il-protezzjoni tal-Verġni Marija u nirringrazzjakom tat-talb tagħkom.
Issa ejjew nitolbu llkoll lill-Verġni Marija għall-ħaddiema kollha li jaħdmu fil-kura tas-saħħa, għall-morda u wara nirċievu l-barka. Sliem għalik Marija…