Aktar rapporti ta’ ġbir ta’ flus b’ingann f’isem id-Dar tal-Providenza

Id-Dar tal-Providenza waslulha aktar rapporti dwar persuni li qed iħabbtu l-bibien u jgħidu lil min jiftaħ il-bieb li rebaħ somma flus minn lotterija li d-Dar tal-Providenza għamlet għall-benefatturi. Dawn il-persuni qed jitolbu bejn €200 – €500 fi flus biex jingħatalhom dan ir-rigal. Dan huwa kollu ngann.

L-amministrazzjoni tad-Dar tal-Providenza tixtieq tfakkar lill-pubbliku li hi ma tawtorizza l-ebda persuna biex tiġbor donazzjonijiet bieb bieb. Fl-imgħoddi kien hemm persuni li tressqu quddiem il-qorti mill-pulizija u nstabu ħatja ta’ frodi.

Filwaqt li tirringrazzja lill-poplu Malti w Għawdxi għall-appoġġ sħiħ tiegħu, id-Dar tal-Providenza tappella biex min irid jagħti donazzjoni jista’ jagħmel dan direttament billi jmur id-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi, jew l-Uffiċċju tad-Dar fil-Belt Valletta fi 244,Triq San Pawl wara s-suq l-Antik. Wieħed jista’ wkoll jibgħat id-donazzjoni tiegħu bil-posta permezz ta’ ċekk jew money order kif ukoll permezz tal-internet banking jew online permezz tal-website www.dartalprovidenza.org jew fil-kontijiet tad-Dar tal-Providenza fil-banek ewlenin ta’ pajjiżna.

Id-Dar tal-Providenza tappella wkoll lill-pubbliku biex min ikollu informazzjoni ta’ ġbir ta’ fondi dwar dan il-każ jew każi simili jirrapporta direttament lill-pulizija jew lid-Dar stess fuq 2146 4915 jew permezz ta’ email fuq info@dartalprovidenza.org

2 ta’ Novembru 2014