€4,500 miġbura fl-attività “MIXJA, QADFA, ĠIRJA” b’risq id-Dar tal-Providenza
€4,500 inġabru fl-ewwel edizzjoni tal-“Mixja, Qadfa, Ġirja” li saret il-Ħadd li għadda (28 ta’ Settembru 2014) b’risq id-Dar tal-Providenza. B’kollox erba’ mija u wieħed u għoxrin ruħ ħadu sehem f’din l-attività organizzata mill-Grupp Żgħażagħ Gudja, bl-appoġġ ta’ RTK4Charity.
Fil-mixja li bdiet mill-pjazza tas-Siġġiewi ħadu sehem il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca, l-Isqof Awżiljarju Mons Charles J. Scicluna, Ministri u membri tal-Parlament miż-żewġ naħat tal-Kamra kif ukoll l-ex Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi.
Is-sewwieqa tar-roti telqu mill-pjazza tal-Katidral tal-Imdina waqt li dawk li ħadu sehem fil-ġirja telqu minn quddiem il-knisja parrokkjali taż-Żurrieq. It-tlitt gruppi baqgħu sejrin fi triqthom lejn il-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza fejn saret Ċelebrazzjoni Ewkaristika.
L-isponsors ewlenin tal-“Mixja, Qadfa, Ġirja” kienu Care Malta u MDA.
30 ta’ Settembru, 2014