Ġbir mhux awtorizzat f’isem id-Dar tal-Providenza

Id-Dar tal-Providenza qed jaslula rapporti li raġel liebes pulit qed iħabbat il-bibien u jgħid lil min jiftaħlu li rebaħ €2,000 minn lotterija li d-Dar tal-Providenza għamlet għall-benefatturi tagħha. Din il-persuna qed titlob €200, l-isem u n-numru tal-karta tal-identità biex min fetaħ il-bieb ikun jista’ jieħu dan ir-rigal.

L-amministrazzjoni tad-Dar tal-Providenza tixtieq tagħmilha ċara li ma għamlet l-ebda lotterija għall-benefatturi kif ukoll li qatt ma tawtorizza lil ħadd iħabbat bieb, bieb biex jiġbor id-donazzjonijiet.

Fl-imgħoddi kien hemm persuni li tressqu quddiem il-qorti mill-pulizija u nstabu ħatja ta’ frodi. Id-Dar tal-Providenza tappella wkoll lill-pubbliku biex min ikollu informazzjoni ta’ ġbir ta’ fondi dwar dan il-każ jew każi simili jirrapporta direttament lill-pulizija jew lid-Dar stess fuq 2146 4951 jew permezz ta’ email fuq info@dartalprovidenza.org<mailto:info@dartalprovidenza.org>

Waqt li tirringrazzja lill-poplu Malti w Għawdxi għall-appoġġ sħiħ tiegħu, id-Dar tal-Providenza tappella li min irid jagħti donazzjoni jista’ jagħmel dan billi jżur d-Dar fis-Siġġiewi, l-Uffiċċju tad-Dar fil-Belt Valletta fi Triq San Pawl wara s-suq l-Antik, jew billi jintbagħat cheque bil-posta, permezz tal-internet banking jew online permezz tal-website www.dartalprovidenza.org<https://www.dartalprovidenza.org> kif ukoll fil-kontijiet li d-Dar għandha fil-banek ewlenin ta’ pajjiżna.