Id-Dar tal-Providenza f’konferenza dwar “Promozzjoni ta’ Inklużjoni Soċjali ta’ Persuni b’Diżabilità b’Imġieba diffiċli ħafna”

Sbatax-il membru tal-istaff tad-Dar tal-Providenza ħadu sehem f’konferenza nazzjonali organizzata mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (KNPD) għall-“Promozzjoni ta’ Inklużjoni Soċjali ta’ Persuni b’Diżabilità b’Imġieba Diffiċli ħafna” li saret fil-Lukanda Dolmen fil-Qawra. Fil-konferenza tkellem Dr Anthony Osgood, espert fil-qasam li ġie Malta apposta. Bħala parti mill-proġett, li huwa ko-finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew, sar studju riċerkat dwar il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabilità b’imġieba diffiċli ħafna, taħriġ għal dawk li jaħdmu ma’ dawn il-persuni u riċerka oħra li saret biex jitħejja t-tfassil ta’ politika u linji gwida kif ukoll kampanja ta’ għarfien fuq is-suġġett.

Fi tmiem il-konferenza, l-impjegati tad-Dar tal-Providenza ġew ippreżentati b’ċertifikat ta’ attendenza f’kors organizzat mill-Outlook Coop f’isem il-KNPD u l-Fond Soċjali Ewropew. Il-kors kien propju dwar taħriġ għal dawk li jieħdu ħsieb b’persuni b’diżablità b’imġieba diffiċli ħafna.