€4020 miġbura s’issa bis-saħħa ta’ Ascent Software
€4020 inġabru s’issa permezz ta’ żewġ attivitajiet organizzati minn Ascent Software biex jinġabru flus b’risq Id-Dar tal-Providenza: Tlugħ tal-Muntanja Etna f’Marzu li għadda u Ascent Adrenaline Day fil-Park tal-Familja f’Marsaskala aktar kmieni dan ix-xahar. Min irid għadu jista’ jagħmel id-donazzjoni tiegħu u jara l-counter bl-ammont miġbur s’issa permezz tal-link: http://fundraising.ascentsoftware.eu
Tnax-il impjegat ta’ Ascent Software ta’ Ħal Luqa telgħu il-Muntanja Etna fi Sqallija bejn il-21 u l-24 ta’ Marzu. Il-grupp kien jinkludi lid-Direttur Maniġerjali, Joseph Sultana u lil Dr Gregory Attard, magħruf għat-tlugħ mal-muntanji. Bħala parti mill-Ascent Etna Software Challenge, student tal-ICT ingħaqad mal-grupp bl-ispejjeż kollha mħallsa mill-kumpanija wara li rnexxielu jirbaħ kompetizzjoni għall-iżvilipp ta’ software application li ddeċifrat messaġġ sigriet.
Il-Ħadd 13 t’April kien Ascent Adrenaline Day fil-Park tal-Familja f’Marsaskala. Din l-attività għall-membri kollha tal-familja kienet tinkludi tixbit mal-blat, abseiling, ġlied tal-gladjaturi, tpinġija tal-uċuħ, karattri bil-kostum u turnament tal-futboll.
Grazzi mil-qalb lil-Management u mpjegati ta’ Ascent Software għall-organizzazzjoni ta’ dawn iż-żewġ attivitajiet li saru biex jinġabru fondi b’risq id-Dar tal-Providenza.