Merħba, Saħħa u Grazzi

Id-Dar tal-Providenza apprezzat ħafna l-fatt li l-President elett, s-Sinjura Marie-Louise Coleiro Preca għażlet li qabel tieħu l-ġurament tal-ħatra bħala l-President il-ġdid ta’ Malta u tagħti bidu għall-ħidma tagħha tagħmel il-Quddiesa “tal-Ispirtu s-Santu” taħt tinda kbira fil-car park tad-Dar fis-Siġġiewi fejn kienu mistiedna madwar elf u erba’ mitt ruħ.

Id-Direttur tad-Dar, Fr Martin Micallef qal li l-għazla tad-Dar tal-Providenza turi x-xewqa tagħha li taħdem biex is-soċjetà Maltija tkun dejjem aktar soċjetà inklussiva, ġusta, ugwali, solidali ma’ kull min għandu bżonn xi tip ta’ appoġġ, soċjetà li għandha għal qalba ż-żgħir u li tara d-differenza mhux bħala theddida imma xi ħaġa sabiħa. Lill-President il-ġdid, is-Sinjura Marie-Louise Coleiro Preca nagħtuha merħba u ngħidulha grazzi tal-appoġġ li dejjem tatna s’issa bħala Ministru u li wriet li se tibqa’ tagħtina tul il-Presidenza tagħha.

Huwa wkoll bix-xieraq li ngħidu saħħa u grazzi mill-qalb lil Dr George Abela li tul il-ħames snin tal-Presidenza tiegħu kien ta’ appoġġ kbir li ta lid-Dar tal-Providenza kemm b’għajnuniet finanzjarji għal proġetti li saru fid-Dar minn għotjiet tal-Malta Community Chest Fund u mill-Festa taċ-Citru kif ukoll biż-żjarat li kien jagħmel fostna, mhux biss fil-Festa ta’ Ġenerożità fl-ewwel tas-sena u fil-Maratona tal-Volleyball f’Lulju.