Esperjenza ta’ Studenta Ċiniża fid-Dar tal-Providenza
Din hija email li rċevejna mingħand Wei Leiyan mill-iSchool of Life Science, f’Tsinghua University ta’ Beijing. Wei għadha kemm qattgħet xahar mar-residenti tad-Dar tal-Providenza u f’din l-email qed tħares lura lejn din l-esperjenza unika li kellha magħna. Grazzi Wei taż-żmien li tajt lir-residenti tagħna. Niftakru fik fit-talb tagħna.
“Jiena qatt mhu se ninsa l-esperjenza li kelli fid-Dar tal-Providenza. Inħobbha ħafna! Meta kont se nitlaq ma stajtx nieqaf nibki u minn quddiem għajnejja bdew għaddejjin l-uċuħ bi tbissima fuq fommhom. Jekk xi ħadd jistaqsini x’se nimmissja l-aktar dwar Malta, mingħajr l-ebda dubju ngħid li huma n-nies li hemm fid-Dar tal-Providenza. Fil-fatt, fl-ewwel ġurnata fid-Dar kont xi ftit imħassba; “kif se mmur mar-residenti u kif se jirnexxili ngħaddiha ma’ dawk l-uċuħ ġodda kollha?”. Imma bl-imħabba li ħassejt malli wasalt fid-Dar tal-Providenza id-dubji kollha sfaxxaw fix-xejn. Għall-ewwel darba f’hajti, kulħadd kien qed jitbissimli u jixtieqli l-ġurnata t-tajba u kont qisni f’dari.
Meta bdejt naħdem fost ir-residenti, aktar ħassejtni ispirata. Qishom dawk in-nies sempliċi b’dinja aktar dejqa minn nies normali, u meta sibt ruħi f’din id-dinja aktar dejqa, ħassejt li kont meħtieġa u bżonnjuża għal xi ħadd. Uħud minnhom (mir-residenti) jistgħu biss jirrepetu għadd ta’ sentenzi imma jistgħu isejħulek b’ismek; uħud minnhom ma jistgħux jitkellmu imma tinduna li jeħtiġuk bil-ħsejjes li jagħmlu. L-isbaħ ħaġa hi li tista’ tinnota l-progress tagħhom.
Imma mhux hekk biss, kont ixxurtjata li kont imdawwra bi grupp ta’ nies mill-aktar kreattivi u li jafu jħobbu. L-Ability Promoters u l-fiżjoterapisti kienu kważi kuljum jispirawni bi ħsibijiet ġodda dwar id-dinja. Stajt inħoss il-kura umana minn sempliċi dekorazzjoni li kienu jwaħħlu. Ta’ l-għaġeb!
Intant, ma nistax insib kliem biżżejjed biex nesprimi l-gratitudni tiegħi ma’ dawk kollha li hemm fid-Dar tal-Providenza. Nittama li nista’ nerġa niġi lura”.
WEI LEIYAN