Il-President George Abela iżur id-Dar tal-Providenza
Il-President ta’ Malta, Dr George Abela għamel l-aħħar żjara uffiċċjali tiegħu fid-Dar tal-Providenza qabel ma jtemm il-ħatra fi ftit ġimgħat oħra. Huwa żar bosta drabi id-Dar fis-Siġġiewi tul il-presidenza tiegħu biex bħalma qal Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, f’diskors ta’ merħba, juri bil-fatti kemm għandu għal qalbu lil din id-Dar u fuq kollox l-impenn tiegħu favur opportunitajiet indaqs għall-persuni b’diżabilita f’Malta. Fr Martin fakkar fl-indirizz li kien għamel f’jum il-ħatra tiegħu ħames snin ilu, meta l-President Abela għamel sejħa biex nibnu dejjem aktar “soċjetà inklussiva bbażata fuq l-obbligu tat-twettiq tal-ġustizzja soċjali u tas-solidarjetà. Soċjetà ħanina li fiha għandu jkun hemm post għal kulħadd, hi x’inhi l-qagħda u l-kultura ta’ dak li jkun”.
Meta ltaqa’ mar-residenti, Dr Abela reġa’ semma l-ħtieġa ta’ soċjetà ħanina u faħħar dak li huwa sejjaħ il-vokazzjoni tal-ħaddiema li jaħdmu mar-residenti tad-Dar b’tant għożża, dedikazzjoni u mħabba. Jalla, temm jgħid il-President Abela, id-Dar tal-Providenza tkompli jkollha mexxejja u ħaddiema għaqlin u dedikati biex itejjbu dejjem iżjed is-servizz ta’ kwalità li joffru lir-residenti.
Waqt ikla li saret f’ġieħ il-President, Fr Martin ippreżenta lil Dr Abela b’sett ta’ kotba, li jinkorporaw l-Enċikliċi u l-Eżortazzjonijiet Appostoliċi tal-Papa Ġwanni Pawlu II.