Eddie Fenech Adami jfakkar għeluq sninu b’Quddiesa fid-Dar tal-Providenza.
Il-Ħadd 9 ta’ Frar 2014, il-President Emeritus, l-E.T. Dr Eddie Fenech Adami fakkar għeluq it-80 sena tiegħu b’Quddiesa ta’ Ringrazzjament fil-Kappella tad-Dar tal-Providenza. Flimkien mar-residenti tad-Dar, fill-quddiesa ħadu sehem il-familjari tiegħu kif ukoll Dr Lawrence Gonzi u s-Sinjura Kate Gonzi.
Għal dawn l-aħħar sitta u tletin sena Dr Fenech Adami qatt ma falla li jattendi għall-Quddiesa ta’ radd il-ħajr fid-Dar tal-Providenza f’għeluq sninu. Kienet ukoll ix-xewqa tiegħu li d-dħul kollu mill-bejgħ tal-awtobijografija tiegħu “EDDIE – My Journey” li se jiġi ppubblikat aktar tard dan ix-xahar imur kollu għad-Dar tal-Providenza.