Skultura ta’ Anton Agius għall-irkant b’risq id-Dar tal-Providenza
“Il-Ballerina”, skultura ta’ Anton Agius jidher li qed tiġbed attenzjoni kbira minn dawk li fi ħsiebhom jieħdu sehem fl-irkant ta’ din is-sena bħala parti mill-Festa ta’ Ġenerożità b’risq Id-Dar tal-Providenza. “Il-Ballerina” (żewġ ritratti mehmuża għall-użu tagħkom) hija skultura fuq il-bronż b’għoli ta’ 39 ċentimetru u ngħatat mill-mara ta’ Anton, Ms Mary-Louis Agius biex tiġi rkantata.
Anton Agius, skultur veteran mir-Rabat li ġej minn ġenerazzjoni ta’ artisti li tnaqqret kważi għal kollox, miet f’Ottubru 2008 fl-età ta’ 74 sena. Il-memorja tiegħu tibqa’ ħajja permezz tal-għadd kbir ta’ xogħlijiet tiegħu kif ukoll mill-artisti u dilettanti tal-arti li kienu nspirati minnu. Anton Agius midd idejh għal diversi ġeneri tal-arti fosthom il-bronż, konkrit, il-ġebla Maltija, ċeramika, njam u lino-printing. Monumenti pubbliċi li ħarġu minn taht idejh huma dak tal-General Workers Union fl-Imsida, il-Monument tal-Ħelsien fil-Birgu, dawk ta’ Dun Mikiel Xerri u l-Kompatrijotti, Sette Giugno u Mawel Dimech fil-Belt Valletta kif ukoll il-bust ta’ Mabel Strickland li jinsab fil-lobby ta’ Strickland House, ukoll fil-Belt Valletta.
L-Irkant annwali, bl-appoġġ ta’ Obelisk Auctions, huwa parti mill-Festa ta’ Ġenerożità b’risq Id-Dar tal-Providenza. L-irkant isir online fuq www.dtpauction.com. Din is-sena, hemm ftit aktar minn sittin artist lokali li taw xogħlijiet tal-arti tagħhom biex jiġu rkantati. Wara li kienu għall-wirja għal xi żmien fil-Mużew Wignacourt fir-Rabat, fl-ewwel tas-Sena dawn ix-xogħlijiet se jkunu esibiti fid-Dar tal-Providenza meta jkun ukoll possibbli li wieħed jibbiddja bit-telefown jew billi jmur hu stess fid-Dar fis-Siġġiewi. Hemm ukoll katalgu sħieħ tax-xogħlijiet kollha fuq www.dtpauction.com