Vetrina għad-Dar Tal-Providenza fil-qalba tal-Belt Valletta

Il-Ministru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali, l-Onor. Marie Louise Coleiro Preca fetħet uffiċjalment uffiċċju tad-Dar tal-Providenza fi 244, Triq San Pawl fil-Belt Valletta, eżatt wara s-suq. L-uffiċċju, li tbierek minn Mons Alex Cordina l-Arċipriet tal-parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, ġie nawgurat għall-okkazjoni ta’ Jum il-Fondazzjoni tad-Dar li seħħet fit-12 ta’ Settembru 1965.

 

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef qal li l-għan ta’ dan l-uffiċċju hu li l-pubbliku jkollu post aktar ċentrali fejn jista’ jingħata l-informazzjoni kollha li jeħtieġ dwar il-ħidma u l-attivitajiet tad-Dar, jista’ jagħmel id-donazzjoni tiegħu. L-uffiċċju se jservi wkoll biex ir-residenti jkunu jistgħu jesponu x-xogħlijiet tagħhom waqt li jservi ta’ opportunita’ ta’ inklużjoni u job exposure għax kuljum se jkun hemm resident jew residenta flimkien mal-volontiera li se jmexxu dan l-uffiċċju.

Il-Ministru Coleiro Preca irringrazzjat lid-Dar tal-Providenza għall-eżempji ħajjin li dejjem tat dwar l-inklużjoni soċjali. Hija sostniet li dan l-uffiċċju se jkun pass kbir għad-Dar tal-Providenza li issa għandha l-opportunita’ li turi l-abbiltajiet tar-residenti tagħha fil-qalba tal-Belt Valletta. Il-Ministru Coleiro Preca kixfet plakka kommemorattiva li tfakkar il-ftuħ ta’ dan l-uffiċċju.