Ftehim Kollettiv ġdid għall-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza

Ġie ffirmat Ftehim Kollettiv ġdid bejn id‑Dar tal‑Providenza u l‑General Workers Union (GWU). Il‑ftehim, li jkopri l‑perjodu bejn l‑2024 u l‑2026, jipprovdi għal kundizzjonijiet aħjar tal‑impjiegi tal‑impjegati kollha, kif ukoll struttura ġdida tal‑gradi kollha u opportunitajiet ta’ promozzjonijiet. Il‑ftehim qed joffri żidiet sostanzjali fis‑salarji kif ukoll titjieb f’diversi kundizzjonijiet, jippremja l‑iżvilupp u t‑taħriġ filwaqt li jiżgura miżuri favur il‑familja b’aktar flessibilità fuq il‑post tax‑xogħol. Dan il‑ftehim, fit‑totalità tiegħu, isaħħaħ ir‑relazzjonjiet tal‑impjiegi tad‑Dar għat‑tliet snin li ġejjin.

Għad‑Dar tal‑Providenza, iffirma d‑Direttur, Fr Martin Micallef filwaqt li s‑Sinjura Riccarda Darmanin, Segretarju tat‑Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi ffirmat f’isem il‑General Workers Union.  Iffirmaw ukoll is‑Sinjura Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad‑Dar tal‑Providenza, is‑Sur Paul Micallef, Assistent Segretarju tal‑istess Taqsima tal‑GWU flimkien mas‑Sinjura Karen Agius, is‑Sur Miguel Grech u s‑Sur David Muscat, bħalha Shop Stewards tal‑impjegati.  F’isem l‑Arċidjoċesi ta’ Malta kien hemm id‑Direttur tar‑Riżorsi Umani Dr Rebecca Gatt, u l‑Amministratur is‑Sur Michael Pace Ross.

Wara l‑iffrimar ta’ dan il‑Ftehim, Fr Martin irringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom fin‑negozjati li saru f’atmosfera ta’ rispett reċiproku u b’xewqa li jkomplu jitjiebu l‑kundizzjonijiet u s‑salarji tal‑ħaddiema kollha tad‑Dar tal‑Providenza.  Huwa żied jgħid li r‑rieda li jiżdiedu l‑pagi għall‑ħaddiema, ma jirriflettix biss sens ta’ ġustizzja imma wkoll apprezzament għall‑impenn u d‑dedikazzjoni kbira tal‑ħaddiema tad‑Dar.

Is‑Sinjura Darmanin f’isem it‑Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal‑GWU uriet is‑sodisfazzjon tagħha għall‑mod kif saru n‑negozjati fejn kien hemm rieda tajba mill‑partijiet konċernati u b’hekk kienu konklużi għas‑sodisfazzjon taż‑żewġ naħat.  Irringrazzjat ukoll lix‑Shop Stewards u lill‑membri għas‑sapport li jagħtu lill‑Union. Dr Rebecca Gatt, f’isem l‑Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li wieħed għandu japprezza l‑isforz li sar waqt in‑negozjati biex tiġi rikonoxxuta l‑kompetenza u l‑esperjenza tal‑ħaddiema preżenti filwaqt li jiġi attirat talent ġdid.

Id-Dar tal-Providenza li twaqqfet fl-1965 minn Mons. Mikiel Azzopardi, toffri servizzi residenzjali lil 115-il persuna b’diżabilità.  Hija timpjega 289 persuna.

This post is also available in: English