Fl-ewwel ta’ Jannar Festa oħra ta’ Ġenerożita’
Għal darb’oħra, il-Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza se terġa tiġi
organizzata taħt tinda fil-parkeġġ tad-Dar, is-Siġġiewi. Dan tħabbar mid-Direttur
tad-Dar, Fr Martin Micallef, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu t-Tlieta,
5 ta’ Diċembru 2023.
Il-Festa ta’ Ġenerożità se tkun trasmessa fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televixin
bejn l-10.00am u nofsillejl. Fid-9.30am, TVM2 ixandar il-quddiesa li se titmexxa
mill-E.T. Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna mill-kappella tad-Dar. Matul il-ġurnata
se jsir ukoll irkant online ta’ xogħlijiet tal-arti li se jkunu wkoll esebiti dakinhar
fil-sala tad-Dar tal-Providenza. B’mod fiżiku, wieħed jista’ jara l-katalgu sħiħ,
fuq www.dtpauction.com. Il-bidding online se jkun miftuħ mill-15 ta’ Diċembru ’l
quddiem fuq is-sit elettroniku: belgraviaacutions.com.
Fr Martin Micallef qal li d-Dar tal-Providenza hi impenjata li tibqa’ toffri servizzi
residenzjali ta’ kwalità lir-residenti, hekk kif tibqa’ taspira li tkompli ttejjeb kemm
jista’ jkun il-kwalità tal-ħajja tal-istess residenti. Fr Martin tenna li għalkemm
is-servizz personalizzat lir-residenti huwa element importanti ħafna, spjega kif
l-objettivi tad-Dar tal-Providenza huma ukoll li r-residenti jkunu aktar inklużi
fis-soċjetà u jipparteċipaw b’mod sħiħ fiha. Fr Martin semma’ l-ispejjez li għandha
d-Dar tal-Providenza ta’ kull sena, fejn dejjem ikun hemm bżonn li jissaħħaħ
l-investiment fir-riżors uman, xiri ta’ apparat ġdid, manutenzjoni, u proġetti ġodda
kapitali li jkomplu jtejbu s-servizz mogħti mid-Dar, kif ukoll ftuħ ta’ djar oħra
fil-komunità.
“Il-Festa ta’ Ġenerożita tal-1 ta’ Jannar, hija appuntament annwali, fejn id-Dar tista’
ddur lejn il-poplu Malti u Għawdxin biex jgħinha finanzjarjament għax l-ispejjeż
huma kbar. Fil-fatt id-Dar għandha bżonn madwar 6 miljun ewro u nofs kull sena.”
temm jgħid Fr Martin.
Is-Sinjura Camilleri Cassano, l-Amministratur tad-Dar tal-Providenza spjegat kif
id-donazzjonijiet jistgħu isiru mil-lum stess sal-ewwel tas-sena b’wieħed minn
dawn il-mezzi. Fil-fatt, dawn id-donazzjonijiet se jkunu inklużi fis-somma totali li
titħabbar fi tmiem il-maratona fl-1 ta’ Jannar 2024.
Permezz tat-telefon: €10 – 51602012, €15 – 51702013, €25 – 51802014, €50 – 51902085,
€100 – 51302022 SMS €7- 50618922
Wieħed jista’ ukoll jagħmel donazzjoni b’mod faċli fuq Paypal u kontijiet tad-Dar
tal-Providenza mal-banek ewlenin: APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank, BNF
Bank.
Aktar minn hekk, individwi jistgħu wkoll jibgħatu d-donazzjoni tagħhom ta’ iżjed
minnn €20 permezz ta’ ċekk lid-Dar tal-Providenza, Triq Lapsi, is-Siġġiewi
SGW2822. Għandhu jiġi nnutat li ċekkijiet ta’ inqas minn €20 ma jistgħux jissarfu
mill-banek Maltin wara direttiva li saret mill-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Donazzjonijiet oħra jintlaqgħu fl-uffiċċju tad-Dar tal-Providenza, fi Triq San Pawl
il-Belt (wara s-suq), filgħodu bejn id-9:00 am u n-12:00 pm, mill-Paola Catholic
Bookshop, kif ukoll mill-Pjazza tar-Rabat Malta fil-ġranet ta’ qabel il-Milied sal-1 ta’
Jannar 2024
This post is also available in: English