Ix-Xara Collection b’għotja ta’ €51,530 lid-Dar tal-Providenza

€51,530 inġabru waqt ikla speċjali ta’ arti, ikel, inbid u mużika fix‑Xara Lodge organizzata mill‑familja Zammit Tabona flimkien mal‑Management tax‑Xara Collection nhar l‑Erbgha, 26 ta’ Lulju 2023. Din kienet is‑6 edizzjoni tal‑ikla b’risq Id‑Dar tal‑Providenza li saret taħt il‑patroċinju distint tal‑Isqof Awżiljarju, Mons. Joseph Galea‑Curmi.

Id‑dħul mill‑attività ta’ din is‑sena se jmur għal proġett pjuttost ambizzjuż tar‑rinovar ta’ erba’ flettijiet f’Villa Papa Giovanni fis‑Siġġiewi. Ix‑xogħol diġà beda fuq wieħed mill‑fletts wara dewmien ta’ sentejn minħabba l‑pandemija COVID‑19. Mill‑2017 ‘l hawn, inġabret is‑somma totali ta’ €197,380.

F’diskors ta’ merħba, id‑Direttur Fr Martin Micallef qal li d‑Dar tal‑Providenza, hija organizzazzjoni mhux governattiva mmexxija mill‑Knisja f’Malta, li ilha tipprovdi servizzi residenzjali lill‑persuni b’diżabilità sa mill‑1968. Id‑Dar dejjem straħet fuq il‑ġenerożità tal‑benefatturi tagħha u fuq id‑donazzjonijiet mill‑pubbliku biex tkun tista’ tkompli  taqdi il‑missjoni tagħha. Huwa rringrazzja mill‑qalb lill‑familja Zammit Tabona u x‑Xara Collection li reġgħu organizzaw din l‑ikla gastronomika li saret attività annwali kif ukoll għall‑appoġġ kontinwu tagħhom għad‑Dar tas‑Siġġiewi.

F’kumment li għamlet, id‑Direttur tax‑Xara Collection, Nicola Paris irringrazzjat lil Fr Martin Micallef, Nadine Camilleri Cassano flimkien mat‑tim kollu tad‑Dar tal‑Providenza għad‑dedikazzjoni sħiħa tagħhom. Hija rringrazzjat ukoll lil dawk il‑kumpaniji li taw rigali għall‑premjijiet u lil dawk li għenu fejn tidħol loġistika u, naturalment, l‑isponsors u t‑tim tax‑Xara Collection flimkien ma’ dawk kollha li attendew biex l‑attività segħet tkun suċċess.

Matul is‑serata, l‑mistednin kellhom għażla ta’ ikel delizzjuż u nbejjed mill‑itjeb waqt li għenu fil‑ġbir ta’ fondi għal kawża ġusta bħal din. Kien hemm ukoll wirja tal‑arti b’xogħlijiet ta’ Andrew Borg, Rachel Galea, Lawrence Pavia, Wibke Seifert, Sophie Stilton,  Kenneth Zammit Tabona, Paul Camilleri, Mary de Piro, Carmel Grixti, Roberta Zammit Cutajar, Lisa Hirth and Simon Fenech.  Dawk preżenti setgħu japprezzaw dawn ix‑xogħlijiet tal‑arti li mill‑bejgħ tagħhom 20% marru għad‑Dar tal‑Providenza. Fil‑fatt inġabret is‑somma ta’ €4,470.

L‑isponsors ewlenin għall‑attività ta’ din is‑sena kienu l‑APS Bank, Seifert Systems, l‑Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il‑Mimici Foundation, Camilleri Paris Mode, VJ Salomone, Halmann Vella, EY,  PWC, The Point, Conrad Capital London, MVintage, Raico, The Concept Stadium, MUMN, GSD Marketing Ltd u Rupert Agius Pease.

 

 

This post is also available in: English