Tibda l-BOV Volleyball Marathon b’risq id-Dar tal-Providenza
Wara l‑preparamenti u t‑taħriġ kollu, mat‑tisfira tal‑Ministru għall‑Inklużjoni, Volontarjat u Drittijiet tal‑Konsumatur, Julia Portelli u bis‑sehem tal‑Banda tal‑Forzi Militari ta’ Malta ingħata bidu għat‑tlettax‑il edizzjoni tal-BOV Volleyball Marathon li qed issir b’risq id‑Dar tal‑Providenza. Erbgħin player, magħzula minn tlieta u tmenin li applikaw, iffurmaw ħames timijiet u bdew l‑isfida ta’ tlieta u ħamsin siegħa volleyball bla waqfien mhux, għal xi gwadann personali imma biex jagħtu xi ħaġa lil ħaddieħor.
Fid-diskors tiegħu ta’ merħba, Fr Martin kompla jgħid li l‑ispirtu altruwistiku tal‑players u tal‑għadd kbir ta’ volontiera jispirana biex inkunu dejjem iktar soċjetà li tagħti kas, soċjetà li ma tħalli lil ħadd jaqa’ lura, soċjetà li tistma lil kulħadd indaqs. Huwa sellem ukoll lill‑grupp ta’ atleti Sloveni li f’dawn it‑tlett ijiem se jieħdu sehem fid‑dixxiplina ta’ sitting volleyball li qed issir għall‑ewwel darba fid‑Dar tas‑Siġġiewi. Din l‑attività saret possibbli grazzi għal ParaVolley Malta u l‑Birkirkara Volley Club. Fr Martin tenna li hija x‑xewqa tad‑Dar tal‑Providenza li permezz ta’ attivitajiet bħal dawn inkomplu nwasslu l‑messaġġ li s‑soċjetà dejjem trid tirrispetta lill‑persuni b’diżabilità, titrattahom bid‑dinjità li jixirqilhom u toffrilhom l‑għażliet u l‑opportunitajiet li kulħadd għandu dritt li jgawdi.
Il‑Ministru Julia Portelli, qalet li l-isport għandu lingwa waħda u joħloq sens qawwi ta’ volontarjat u jagħti xhieda sħiħa ta’ inklużjoni. Attivitajiet bħal dawn ikomplu jsaħħu l‑fatt li l‑isport huwa għal kulħadd hu x’inhu l‑livell tal-abilità tal‑persuna. Hija temmet b’appell lill-poplu Malti u Għawdxi biex jingħaqad ħaġa waħda f’dawn it-tlett ijiem u jagħmel id-donazzjoni tant meħtieġa għat-tmexxija tad-Dar tal-Providenza.
Kelliema oħra kienu l-Onor. Clifton Grima, Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-Onor. Graziella Galea, kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Inkluzzjoni s-settur tal-Volontarjat, is-Sur Kenneth Farrugia, CEO tal-Bank of Valletta l-isponsor ewlieni, u s-Sur Jesmond Saliba, Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji.
Bejn it‑tmienja ta’ filgħaxija u nofsillejl, f’dawn it‑tlett ijiem, players tal‑volleyball kif ukoll membri tal‑pubbliku ġew mistiedna jieħdu sehem fl‑attività tas‑sitting volleyball li hija miftuħa għall-irġiel u n-nisa, taħlita ta’ timijiet lokali waqt li l‑atleti kollha li jieħdu sehem jistgħu jkunu persuni b’diżabilità imma mhux bilfors. Dixxiplina bħal din tas‑sitting volleyball tagħti opportunità lil kulħadd li jilagħbu l‑istess sport b’mod l‑aktar inklussiv.
Filgħaxija matul il‑maratona se jkun hemm varjetà minn numru sabiħ ta’ kantanti lokali li se jkunu qed ikantaw fuq il‑palk li se jittella’ apposta fil‑car park tad‑Dar. Il‑Ġimgħa filgħaxija mid‑9 ta’ filgħaxija sa nofsillejl kien hemm mistiedna l‑band Zone 5 flimkien mal‑kananti Jasmine u J. Anvil. Is‑Sibt se jkun hemm il‑Banda tal‑Pulizija taħt id‑direzzjoni ta’ Mro. Anthony Cassar bis‑sehem ta’ kantanti lokali waqt li l‑Ħadd il‑mistiedna huma l‑band ta’ Spiteri Lucas bis‑sehem tal‑kantanti Ludwig Galea, J. Anvil, Ivan Spiteri Lucas u Laura Bruno.
Il‑pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq dawn in‑numri t’hawn taħt, juża l‑BOV Mobile Banking jew il‑PayPal u Revolut jew jagħti donazzjoni online fil‑kontijiet bankarji tad‑Dar. Għal aktar informazzjoni dwar din l‑attività tistgħu żżuru s‑sit : www.sabihlitaghti.org
€10 5160 2011
€15 5170 2012
€25 5180 2013
€50 5190 2070
€100 5130 2044
Pledge Line: 2146 3686
BOV Mobile 7932 4834
Minbarra l-BOV l-isponsor tal-Maratona tal-Volleyball hemm sponsors oħra: il-Pif Paf, Coca Cola, Pwc, Go Plc. u Eurosport.
L-istazzjonijiet lokali ewlenin tat-TV se jagħmlu xandiriet diretti f’ħinijiet differenti.
This post is also available in: English