Id-Dar tal-Providenza tifraħ bil-beatifikazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu I
Id-Dar tal-Providenza, li għandha Villa msemmija għall-Papa Ġwanni Pawli I, tifraħ bil-beatifikazzjoni tiegħu li ser issir nhar il-Ħadd 4 ta’ Settembru 2022. Il-beatifikazzjoni tiegħu ser issir waqt ċelebrazzjoni ppreseduta mill-Qdusija Tiegħu, il-Papa Franġisku fil-pjazza tal-Vatikan. Il-Kardinal Taljan Albino Luciani kien elett Papa fis-26 ta’ Awwissu 1978 u għażel l-isem ta’ Ġwanni Pawlu b’turija ta’ rispett lejn il-predeċessuri tiegħu, il-Papa Ġwanni XXIII u Papa Pawlu VI. Hu miet ħesrem erba’ u tletin jum wara, fit-28 ta’ Settembru 1978.
Villa Papa Luciani, fid-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi kienet inawgurata ħamsa u tletin sena ilu fit-8 ta’ Settembru 1987, erba’ xhur wara l-mewt tal-fundatur tad-Dar, Mons. Mikiel Azzopardi. Fil-fatt kienet ix-xewqa tiegħu li din il-Villa tissemma għall-mibki Papa Ġwann Pawlu I magħruf ukoll bħala Papa Luciani jew il-Papa tat-tbissima. F’din il-Villa fiha żewġ flettijiet fejn f’kull wieħed jgħixu disa’ persuni b’diżabilità.
Id-Dar tal-Providenza se tkun qed tgħożż ukoll relikwa tal-Papa Ġwanni Pawlu I. Ir-relikwa hija biċċa drapp żgħira li kienet tagħmel parti mill-qalziet tiegħu. Din il-biċċa drapp kienet ingħatat lid-Dar fl-2019, mill-Museo dei Papi, li jinsab f’Padova l-Italja, bis-saħħa tal-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede, is-Sur Frank Zammit. Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ dak iż-żmien, Carmelo Abela kien ippreżenta din il-biċċċa drapp, illum relikwa, lid-Directtur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, fil-preżenza tal-Ambaxxatur Zammit.
This post is also available in: English