Jitfakkar it-35 Anniversarju tal-mewt ta’ Dun Mikiel Azzopardi.

“Monsinjur Mikiel Azzopardi li llum, it-13 ta’ Mejju, qed infakkru l-35 anniversarju tal-mewt tiegħu, se jibqa’ mudell għalina bl-imħabba li wera lejn dawk li għandhom diżabilità. Wera wkoll kuraġġ. Kuraġġ ta’ fidi tremenda fil-providenza ta’ Alla u d-Dar tas-Siġġiewi hija xhieda ta’ dan”. Dan qalu Mons. George Frendo O.P. Arċisqof Emeritus ta’ Tirana fl-Albanija,  waqt quddiesa kkonċelebrata biex titfakkar il-mewt tiegħu.

Assistew lill-Arċisqof Frendo Fr Martin Micallef, Direttur, u Fr Trevor Fairclough, Direttur Spiritwali tad-Dar tal-Providenza. Għaliha attendew ir-residenti u l-ħaddiema.  Għal dawn l-aħħar sentejn, minħabba l-pandemija COVID-19 ma setgħetx issir din il-quddiesa kommemorattiva.

Mons. Mikiel Azzopardi, li waqqaf id-Dar fl-1965, twieled fil-Belt Valletta fl-10 ta’ Frar 1910 u miet fit-13 ta’ Mejju 1987, propju 35 sena ilu.

Fl-omelija tiegħu, Monsinjur Frendo indirizza wkoll lill-ħaddiema u qalilhom li l-ħidma tagħhom mhijiex sempliċiment impjieg imma hija verament missjoni u missjoni ta’ mħabba. Inkoraġġihom li fil-wiċċ ta’ kull persuna residenti fid-Dar jaraw il-wiċċ ta’ Kristu u b’hekk il-ħidma mhux biss issir att ta’ karità imma l-ewwel u qabel kollox att ta’ fidi, fidi f’Ġesù li fil-vanġelu qal lill-appostli tiegħu li huwa t-triq li twassalhom għall-verità u l-ħajja.

Din kienet l-ewwel żjara uffiċċjali fid-Dar tal-Providenza għall-Arċisqof Emeritu. Monsinjur George Frendo ttieħed jara l-mużew iddedikat lil Mons. Azzopardi kif ukoll ra b’għajnejh stess uħud mis-servizzi li toffri d-Dar fosthom il-pixxina terapewtika, ċ-ċentru agrikolu San Isidor, iċ-ċentru tal-katekeżi SPRED, kif ukoll il-kmamar multisensorjali.

 

This post is also available in: English