Id-Dar tal-Providenza tfakkar lill-Kardinal Prospero Grech OSA
Id-Dar tal-Providenza fakkret il-memorja tal-Kardinal Prospero Grech f’għeluq ix-xahar mill-mewt tiegħu permezz ta’ quddiesa li saret fil-kappella tad-Dar u li għaliha attendew ukoll il-qraba tal-Kardinal flimkien mar-residenti. Il-quddiesa kienet konċelebrata minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza u Fr Lino Cardona SJ.
Għall-okkażjoni, Mons Arċisqof Alfred Xuereb, Nunzju Appostoliku għall-Korea u l-Mongolja, li kien jaf mill-qrib lill-Kardinal, intalab jagħmel messaġġ qasir biex jinqara waqt is-sagrifiċċju tal-quddiesa għal ruħu. Mons. Xuereb qal hekk: “Dan jagħtini okkażjoni tajba sabiex, minkejja l-bogħod li jifridna, ningħaqad magħkom spiritwalment ħalli noffri talb ta’ sagrifiċċju għal ruħu u fl-istess waqt nagħti l-aħħar tislima lil persuna speċjali li għamlet ġieħ lill-Knisja ta’ Kristu u lill-Art Twelidna”.
“Nibqa’ ngħożż bħal teżor il-konoxxenza li għamilt tiegħu bħala reliġjuż ferrieħi, li għażel li jħalli kollox warajh biex jimxi wara Ġesù. L-umoriżmu raffinat tiegħu kien xhieda ċara tal-għaqda li żamm ma’ Alla u tal-fedeltà għall-wegħdiet li għamel meta daħal fl-Ordni Agostinjan.”
“Ibbenefikaw eluf ta’ studenti li segwew il-korsijiet tiegħu, u magħhom dawk kollha li studjaw fuq il-kitbiet mimlija għerf li ppublika tul il-kariga akkademika tiegħu. Ibbenefikaw il-patrijiet sħabu li magħhom kien jgħix fil-komunità f’Ruma bil-pariri għaqlin u l-manjieri ħelwa tiegħu. Ibbenefikaw il-parruċċani ta’ Sant’Anna bil-meditazzjonijiet sbieħ li kien joffri fiż-żmien tar-Randan. Ibbenefikaw bil-bosta s-Santa Sede bil-kollaborazzjoni siewja li offra bħal konsultur tal-Kongregazzjoni tal-Fidi. Ibbenefikaw ukoll l-Istitut Patristiku “Agostinianum” u l-Kummissjoni Pontifiċja Bibblika li tagħhom kien membru attiv. Ibbenefikaw l-Kulleġġ tal-Kardinali li sar jagħmel parti minnu meta l-Papa Benedittu XVI ħatru Kardinal fi Frar 2012 u b’mod partikolari meta ġie mitlub joffri l-meditazzjoni fil-ftuħ tal-aħħar konklavi f’Marzu tal-2013. Ibbenefikaw dawk kollha li kellhom ix-xorti jsiru jafuh u se jkomplu jibbenefikaw dawk kollha li jibqghu jiftakruh.”
Mons. Xuereb temm jgħid fil-messaġġ tiegħu: “Meta l-Mulej sejjaħlu biex jagħtiħ il-premju mistħoqq, qalbna mtliet bid-dieqa għax tlifna ħabib li kien għaniena bil-kwalitajiet sbieħ tiegħu. Nistħajlu qed jittawwal mis-Sema lejn il-poplu ta’ Malta u ta’ Għawdex, u jħeġġeġ lilna llkoll biex nagħmlu l-qalb għax issa nistgħu nibbenefikaw mit-talb ta’ interċessjoni tiegħu lil Alla biex inżommu sħaħ fil-fidi u nibgħu poplu magħqud fl-imħabba tal-aħwa.”
Il-Kardinal Prospero Grech miet fit-30 ta’ Diċembru, wara li lejlet il-Milied għalaq 94 sena. Bħal ommu Amelia u missieru Vincent, li kienu benefatturi tad-Dar, huwa kellu ħafna għal qalbu lid-Dar tas-Siġġiewi u għamel żewġ żjarat kemm kien ilu Kardinal.
This post is also available in: English