GRAZZI mid-Dar tal-Providenza għall-Festa ta’ Ġenerożità

Somma rekord ta’ €1,365,556 inġabret waqt il-Festa ta’ Ġenerożità organizzata mid-Dar tal-Providenza fl-ewwel tas-sena ‘l ġdida. Bosta kienu dawk li marru s-Siġġiewi biex jagħmlu d-donazzjoni tagħhom taħt it-tinda li ttellgħet fil-parkeġġ imma ħafna kienu wkoll dawk li ċemplu biex jagħmlu d-donazzjoni tagħhom. Bħal kull sena, għadd ta’ parroċċi f’Malta w Għawdex organizzaw ġabriet speċjali li mbagħad ingħataw lid-Dar f’isem il-komunità parrokkjali.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, qal li din il-Festa ta’ Ġenerożità bħal dejjem uriet il-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi li għal darb’oħra wera solidarjetà u ġenerożità mad-Dar. Huwa qal li dawn il-fondi se jgħinu biex id-Dar tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħha kemm fid-Dar tas-Siġġiewi kif ukoll fid-djar li hemm fil-komunità.

L-ewwel żjara saret minn Mons Arċisqof Charles J. Scicluna li wkoll iċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar tal-Providenza li għaliha attenda s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis. Fl-omelija tiegħu l-Arċisqof qal: “Għandna nħallu lil Alla jħares lejna ghax b’hekk il-ħarsa tagħna lejn xulxin issir il-ħarsa ta’ Alla ħierġa mill-qalb.” Huwa kompla jgħid, “kemm hija ħaġa sabiħa li l-Maltin u Għawdxin jibdew is-sena ‘l ġdida jgħinu lil xulxin b’atti ta’ solidarjetà anke fiċ-ċrieki qrib tagħna. Hemm ħafna modi oħra ta’ faqar minbarra l-finanzi, waħda minnhom hija s-solitudni fejn bniedem iħossu waħdu u mwarrab mis-soċjetà.” L-Arċisqof Scicluna appella biex il-poplu Malti u Għawdxi jibqa’ jappoġġja in-nisġa ta’ djar li d-Dar tal-Providenza għandha f’diversi lokalitajiet biex persuni bi bżonnijiet speċjali jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu fil-qalb tal-komunità.

Matul il-jum kien hemm żjarat mill-President ta’ Malta, Dott. George Vella u s-Sinjura Vella, il-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Sinjura Muscat u l-Isqof Awżiljarju Mons Joseph Galea-Curmi. Attendew għadd ta’ ministri u membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati kif ukoll delegati tal-partit politiċi ewlenin u rappreżentanti ta’ korpi kostitwiti li qattgħu ħin iwieġbu t-telefonati tal-pubbliku.

Fl-okkażjoni tas-sena li fiha l-Knisja se tkun qed tfakkar il-mitt sena mit-twelid ta’ San Ġwanni Pawlu II fit-18 ta’ Mejju 1920, matul il-ġurnata fil-kappella kienet esposta għall-qima u t-talb tal-pubbliku relikwa b’garża bid-demm tiegħu ta’ meta Mehmet Ali Ağca sparalu fi Pjazza San Pietru fit-13 ta’ Mejju 1981. Din ir-relikwa irregalata lid-Dar Sr Marija Bambina Bugeja, soru Maltija li kienet assistiet lill-Papa waqt li kien rikoverat fil-Policlinico Gemelli.

Bosta żaru l-wirja tax-xogħlijiet tal-arti mogħtija minn għadd ta’ artisti Maltin u barranin li ttellgħet fis-Sala San Pawl. L-irkant ta’ dawn ix-xogħlijiet, li b’kollox kien madwar mitt biċċa, din id-darba se jsir f’April li ġej f’data li titħabbar aktar tard. Is-sena l-oħra ġew irkantati b’kemm jiswew €29,487 f’pitturi u skulturi.

Ix-xandira televiżiva bdiet fid-9.00am b’quddiesa mill-kappella tad-Dar u baqgħet sejra sa wara nofsillejl meta tħabbret is-somma totali fost is-soltu ferħ u briju ta’ l-għadd kbir ta’ voluntiera li taw ħinhom għal din il-Festa ta’ Ġenerożità. TVM1, TVM2, ONE TV u NET TV ingħaqdu f’ħinijiet twal fix-xandira diretta ta’ ftit aktar minn ħmistax-il siegħa. Matul ix-xandira kien hemm programm sħieħ ta’ divertiment taħt it-tinda bis-sehem ta’ kantanti u mużiċisti ewlenin Maltin.

This post is also available in: English