€975,401 minn RTK4Charity għad-Dar tal-Providenza
Mons Arċisqof Pawlu Cremona OP ippreżenta ċekk ta’ €975,401 lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza. Is-somma nġabret fil-Festa ta’ Ġenerożita’ organizzata minn RTK4Charity fl-1 ta’ Jannar li għadda. Mons Arċisqof irringrazzja lil dawk kollha li bi flushom qed ifittxu li jagħmlu l-ġid, filwaqt li rringrazzja wkoll lill-entitajiet li bbenefikaw minn din il-ġenerożita’ għas-servizz Nisrani li qed joffru. Huwa qal li dawn tassew qed jgħallmu xi tfisser il-providenza. L-Arċisqof irringrazzja lil RTK għall-organizzazzjoni taż-żewġ kampanji li jorganizza fl-aħħar xhur ta’ kull sena u li minnhom ibbenefikaw ħames entitajiet tal-Knisja, fosthom id-Dar tal-Providenza, għal total ta’ €1,010,000. Huwa esprima apprezzament għas-sens ta’ volontarjat li għadu qawwi ħafna f’pajjiżna.