€970 mill-istudenti tal-Kulleġġ San Injazju Primarja tas-Siġġiewi

Il-kumitat EkoSkola tal-Kulleġġ San Injazju Primarja Siġġiewi organizza mixja ta’ sitt kilometri b’risq id-Dar tal-Providenza u l-istudenti li ħadu sehem irnexxielhom jiġbru s-somma ta’ €970. Studenti, ġenituri u għalliema mxew sad-Dar tal-Providenza fejn attendew għal quddiesa fil-kappella tad-Dar.

Fil-bidu tal-quddiesa, l-istudenti ppreżentaw lil Fr Martin Micallef, Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza s-somma li nġabret minn dawk kollha li ħadu sehem. Donazzjoni oħra saret mill-Maniġer tal-Banif Bank fis-Siġġiewi.

Is-Sur Patrick Decelis, il-Kap tal-Kulleġġ San Injazju Primarja Siġġiewi, irringrazzja lil dawk li organizzaw, sponsorjaw jew ħadu sehem f’din l-attività. Il-mixja kienet sponsorjata minn għadd ta’ negozji fis-Siġġiewi u pprovdiet lill-istudenti opportunità mill-aqwa biex iħaddmu direttament il-prinċipji li kienu ddiskutew fil-klassi waqt li għamlu wkoll ħidma ‘l barra mill-konfini tal-iskola u nvolvew ruħhom fil-komunità.

Il-programm EkoSkola li qed jiġi mplimentat f’għadd ta’ skejjel f’Malta w Għawdex jiffoka fuq l-iżvilupp tat-tfal f’ċittadini responsabbli. Xogħol volontarju huwa l-aħjar mod prattiku biex jintlaħaq dan il-għan.