€932,837 inġabru waqt il-Festa ta’ Ġenerożità

€932,837 inġabru waqt Il-Festa ta’ Ġenerożità fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi organizzata minn RTK4Charity fl-Ewwel tas-Sena biex jinġabru fondi għad-Dar. Minn filgħodu sa tard bil-lejl, minkejja temp inċert ta’ filgħodu folol kbar ta’ Maltin imlew it-tinda kbira mtella’ apposta fil-parkeġġ tad-Dar. Għadd ta’ parroċċi organizzaw ġabriet speċjali u l-parroċċa taż-Żurrieq kienet minn ta’ quddiem bis-somma ta’ €10,450.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, irringrazzja lill-Awtoritajiet Civili u politiċi għall-appoġġ tagħhom u lil dawk kollha li ħadu sehem fl-organizzazzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità imma l-aktar lill-poplu Malti u Għawdxi li għal darb’ oħra wera xita ta’ solidarjetà u ġenerożità mad-Dar tal-Providenza. Huwa qal li dawn il-fondi se jg]inu biex id-Dar tkompli tagħti ħajja xierqa u dejjem aħjar lir-residenti tagħha.

Matul il-jum, kien hemm żjarat mill-President ta’ Malta, Dr George Abela u s-Sinjura Abela; il-Prim Ministru, Dr Joseph Muscat akkumpanjat mill-Ministru tas-Saħħa, Dr Godfrey Farrugia; il-Kap ta’ l-Oppozizzjoni, Dr Simon Busuttil; Mons. Arċisqof Pawl Cremona OP, l-Isqof Awżiljarju Mons Charles J. Scicluna. Żaret id-Dar fis-Siġġiewi l-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Marie-Louise Coleiro Preca. L-Arċisqof Emeritus Mons. Ġużeppi Mercieca kien indispost waqt li l-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech bagħat messaġġ irrekordjat. Attendew ukoll għadd ta’ membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati.

Bħala parti mill-Festa ta’ Ġenerożità, inġabret is-somma ta’ €24,000 mill-irkant ta’ xogħlijiet tal-arti mogħtija minn aktar minn sittin artist lokali. Ħafna kienu dawk li għamlu l-offerti tagħhom online imma l-maġġoranza żaru d-Dar tal-Providenza.

Ix-xandira televiżiva bdiet fid-9.00am b’quddiesa mill-kappella tad-Dar u baqgħet sejra sa mhux ħażin wara nofs il-lejl meta tħabbret is-somma totali fost ferħ u briju ta’ l-għadd kbir ta’ volontiera li taw ħinhom għal din il-Festa ta’ Ġenerożità. PBS, ONE TV u, NET TV ingħaqdu f’ħinijiet twal fix-xandira diretta ta’ ftit aktar minn ħmistax-il siegha. Matul ix-xandira kien hemm programm sħie ta’ divertiment permezz ta’ kant minn kantanti ewlenin Maltin, entertainers u baned.