€8,180 miġbura b’risq id-Dar tal-Providenza

€8,180 miġbura b’risq id-Dar tal-Providenza mill-Kalkara Charity Swim li saret fil-bajja tar-Rinella u mill-attività Soho with the Stars se jiġu ppreżentati lid-Dar matul il-Festa ta’ Ġenerożità organizzata minn RTK4Charity fl-ewwel tas-sena l-ġdida. Iż-żewġ attivitajiet kienu organizzati minngrupp ta’ erba’ żgħażagħ:  Keith Sultana, Shana Gafà, Eliza Farrugia u Claire Bugeja.

Fil-bajja tar-Rinella fil-Kalkara, aktar minn ħamsin persuna ddeċidew li jisfidaw it-temp kiesaħ u qabżu l-bahar u b’kollox ġabru s-somma sabiħa ta’ €8,180 għad-Dar tal-Providenza. L-organizzaturi ħadu ħsieb li din tkun attività għall-familja kollha u b’hekk dawk li ma kellhomx kuraġġ jaqbżu l-baħar xorta waħda attendew  u taw id-donazzjoni tagħhom waqt li t-tfal ħadu pjaċir b’animazzjoni minn karattri ta’ Disney u facepainting

Din kienet l-ewwel edizzjoni ta’ din l-attività li jidher li ntlaqgħet tajjeb ħafna.  Attendew  il-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura,  Joe Mizzi li huwa mill-Kalkara, Dr. Stephen Spiteri,  kelliem tal-Oppożizzjoni għall-persuni b’diżabilità,  is-Sindku tal-Kalkara, s-Sinjura Speranza Chircop u Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, li lkoll saħqu fuq  l-importanza ta’ attivitajiet bħal din u biex il-poplu Malti jibqa’ jkun ġeneruż  u juri solidarjetà  ma’  kull min jeħtieġa.  

L-organizzaturi qalu li jinsabu kuntenti li din l-attività kienet suċċess u li ser jagħmlu minn kollox biex il-Kalkara Charity Swim tibqa’ ssir kull sena.