wrence Ciantar

€7,300 mill-Festa Futbol fil-Kalkara b’risq id-Dar tal-Providenza

€7,300 inġabru mill-Festa Futbol li saret fil-Kalkara fis-16 ta’ Settembru b’risq id-Dar tal-Providenza. Is-sena l-oħra, li kienet l-ewwel darba li saret din l-attività, is-somma kienet qabżet il-€5,000.

F’din il-Festa Futbol ħadu sehem madwar sittin plejer fil-parti ‘l kbira irġiel Kalkariżi ‘l fuq minn erbgħin sena, fosthom ex-plejers tat-tim nazzjonali kif ukoll ta’ diversi timijiet magħrufa Maltin. Il-plejers kollha li ħadu sehem taw €10 għad-Dar tal-Providenza. Il-plejers inqasmu f’erba’ timijiet u kkompetew f’turnament li għalih attendiet folla numeruża fil-grawnd tal-Kalkara.

Mistieden speċjali għal din l-okkażjoni kien l-Arċisqof Emeritus Mons. Pawlu Cremona waqt li attendew ukoll il-Membri Parlamentari tad-Distrett.

Il-membri tal-kumitat tal-Kalkara Boys Over 40 ħaqqhom kull tifħir għall-organizzazjoni ta’ din il-Festa Futbol li ilhom jaħdmu fuqha xhur sħaħ. Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, faħħar din l-inizjattiva li tgħaqqad il-valuri tal-isport u tas-solidarjetà. Huwa rringrazzja lill-organizzaturi, il-plejers li ħadu sehem, l-isponsors, lil dawk li attendew u lil dawk kollha li għamlu donazzjoni.