€6,200 miġbura matul maratona ta’ 34 siegħa Abseiling b’risq Id-Dar tal-Providenza
€6,200 inġabru għad-Dar tal-Providenza waqt maratona ta’ 34 siegħa Abseiling organizzat mill-Grupp tal-iScouts tal-Mosta bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Mosta u RTK4Charity li saret bejn it-22 u t-23 ta’ Novembru li għadda fuq il-pont tal-Mosta. Numru rekord ta’ 622 ruħ niżlu mal-pont mgħejuna minn għadd sabiħ ta’ voluntiera. Is-somma miġbura se tiġi ppreżentata waqt il-Festa ta’ Ġenerożità organizzata minn RTK4Charity fl-ewwel ta’ Jannar li ġej.
Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza tenna li attivitajiet bħal dawn huma tassew apprezzati għax jirriflettu l-appoġġ mogħti mis-soċjetà Maltija għall-ħidma li ssir mid-Dar u jservu wkoll biex jiġbru l-fondi tant meħtieġa biex id-Dar tkompli fil-ħidma tagħha u ttejjeb is-servizzi li tipprovdi.