€ 5,216.14 miġbura fl-attività ‘WALK CYCLE RUN’ b’risq id-Dar tal-Providenza
Aktar minn ħames mitt persuna ħadu sehem fit-tieni edizzjoni ta’ “Walk, Cycle, Run” u ġabru s-somma ta’ €5,216.14 b’risq id-Dar tal-Providenza. Attendew fost l-oħrajn l-Aġent President is-Sinjura Dolores Cristina, Mons Arċisqof Charles J. Scicluna, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Dr Toni Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil u għadd ta’ personalitajiet u politiċi miż-żewġ naħat tal-Kamra.
Minbarra l-mixja mill-pjazza ewlenija tas-Siġġiewi, kien hemm ġirja mill-pjazza tal-knisja taż-Żurrieq, oħrajn saqu r-roti mill-pjazza tal-Katidral tal-Imdina wara li ġew imbierka mill-Arċisqof Emeritu Mons Pawl Cremona OP u oħrajn saqu l-mutur mill-Luxol Grounds f’Pembroke. Mal-wasla tagħhom fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi saret quddiesa fil-parkeġġ tad-Dar.